Sociologist, local councillor, activist from Malta

Tuesday, August 12, 2008

Il-Pakkett Socjali

minn Michael Briguglio
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=46514
L-orizzont 12/08/08
Meta Malta kienet f’salib it-toroq f’dak li għandu x’jaqsam mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jien kont wieħed minn dawk li tkellimt favur is-sħubija ta’ Malta f’dan il-blokk. Jien kburi bil-pożizzjoni li ħadt. Iżda dan ma jfissirx li jien naqbel ma’ kull proposta jew deċiżjoni li toħroġ mill-Unjoni Ewropea.

U wieħed ikun tassew simplistiku jekk jassumi li l-Unjoni Ewropea għandha xi kumitat ta’ nies li jiddeċiedu kollox. L-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata minn strutturi bħall-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri Nazzjonali u l-Parlament Ewropew. Bħalissa, fl-Unjoni Ewropea x-xaqliba ideoloġika hija lejn il-Lemin, kemm fil-maġġoranza tal-Gvernijiet kif ukoll fil-Parlament.

F’dan il-kuntest, huma bosta l-partiti u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, fosthom unjins tal-ħaddiema, li qegħdin jikkritikaw id-direzzjoni li qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea fl-oqsma ekonomiċi u soċjali. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi pakkett soċjali li permezz tagħha l-Unjoni Ewropea ssir waħda iktar soċjalment ġusta.

Fost il-proposti hemm dik li tiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ twemmin, reliġjon, diżabilità, sess, età u orjentazzjoni sesswali, mhux biss fuq il-post tax-xogħol (bħalma hu fil-preżent), iżda wkoll f’oqsma oħrajn tal-ħajja. Dan għalhekk, ikopri oqsma varji tal-politika soċjali.

Proposta oħra hi dik favur direttiva li ssaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli tax-Xogħol. Dan iwassal għal iktar demokrazija fuq il-post tax-xogħol f’kumpaniji b’iktar minn elf ħaddiem u mill-inqas 150 ħaddiem u li jridu jkunu joperaw f’mill-inqas żewġ pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Ta’ min jgħid li f’Malta, ħafna kumpaniji fil-qasam tal-manifattura qegħdin isegwu d-Direttiva u l-liġijiet preżenti. Iżda ħafna kumpaniji fil-qasam tal-lukandi m’humiex qegħdin jagħmlu dan.

Dawn iż-żewġ proposti huma pożittivi u rebħu appoġġ minn diversità sħiħa ta’ partiti fuq ix-xellug, fosthom il-ħodor, u għaqdiet tal-ħaddiema bħall-European Trade Union Federation. Iżda fl-istess ħin, dawn qalu li jeħtieġ iktar biex l-Unjoni Ewropea ssir waħda iktar soċjali.

Għalhekk, tajjeb li meta jiġi diskuss il-pakkett soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, wieħed jitkellem ukoll dwar affarijiet bħall-opportunitajiet u kundizzjonijiet ta’ xogħol. F’pajjiżna, per eżempju, għandna l-iktar rata baxxa ta’ nies fix-xogħol fl-Unjoni Ewropea, u qegħdin naraw ukoll żieda ta’ xogħol prekarju bħal dak partajm u b’kuntratt, fejn ħafna ħaddiema qegħdin jitħallsu pagi baxxi u jiġu miċħudin mid-drittijiet tagħhom.

Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proposti konkreti favur pagi iktar ġusti u kundizzjonijiet ta’ xogħol li permezz tagħhom il-ħaddiem ikun jista’ jagħmel bilanċ bejn l-impjieg, il-familja u l-ħin liberu.

Kwistjoni oħra li qiegħda tqajjem ħafna tħassib fl-Unjoni Ewropea hi dik relatata ma’ deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-każijiet Ruffert, Vaxholm u Viking, fejn il-ftehim kollettiv ta’ pajjiżi msieħba ġie injorat, u b’hekk kumpaniji tħallew iċaqilqu ħaddiema minn pajjiż għal ieħor u jħallsuhom pagi iktar baxxi minn dak minimu permess bil-liġi fil-pajjiżi fejn ġew ippostjati l-istess ħaddiema. Ikun għaqli sew jekk l-unjins Maltin isemmgħu leħinhom dwar dan fl-oqsma Ewropej.

Fl-Unjoni Ewropea l-ħaddiema rebħu ħafna drittijiet, iżda dan ma jfissirx li dawn huma minquxin fil-ġebel. Għalhekk, jekk nemmnu f’Ewropa soċjali, tajjeb li ma nkunux passivi u nsemmgħu leħinna favur dan.

Michael Briguglio huwa l-Kelliem ghall-Izvilupp Socjali u Ekonomiku ta' Alternattiva Demokratika
www.alternattiva.org.mt
www.michaelbriguglio.com

No comments: