Sociologist, local councillor, activist from Malta

Tuesday, July 15, 2008

L-Gholi tal-Hajja Priorita' ghall-AD

Il-Punt - ILLUM 13 ta’ Lulju 2008 Nr 89

L-għoli tal-ħajja prijorità għall-AD

Michael Briguglio
Kelliem għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku ta’ Alternattiva Demokratika

http://www.illum.com.mt/2008/07/13/ilpunt.html

Hi xi ħaġa pożittiva li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali qabel li jipprepara sett ta’ proposti fuq kif il-gvern jista’ jnaqqas il-piżijiet finanzjarji kbar fuq il-familji riżultat taż-żieda qawwija fis-soprataxxa u ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel.

Iż-żieda fil-prezzijiet, partikolarment fl-ikel, fl-enerġija u anki tad-djar, qed twassal għal piżijiet kbar fuq il-ħaddiema, il-familji u dawk il-persuni bi dħul baxx u medju.

Biex nieħdu eżempju wieħed il-prezz ta’ l-ikel f’Malta żdied f’9.7 fil-mija fit-12-il xahar sa April li għadda mqabbel ma’ żieda ta’ 6.2 fil-mija fiż-żona ewro.

Għalhekk Alternattiva Demokratika temmen li l-għoli tal-ħajja hu wieħed mill-prijoritajiet politiċi u ekonomiċi ta’ pajjiżna.

Għandna numru ta’ proposti li beħsiebna nagħmlu lill-Gvern f’dan ir-rigward.

Proposta bażika hi li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta jissaħħaħ biex ikun jista’ jikkumbatti l-inflazzjoni kawża ta’ cartels (meta kumpaniji kbar jew żgħar jiftehmu li jgħollu l-prezzijiet b’mod artifiċjali u inġust għad-detriment tal-konsumatur).

Nemmnu ukoll fil-bżonn ta’ politika iktar b’saħħitha dwar il-pagi u fejn meħtieġ din għandha tkun relatata ma’ żidiet fil-produttività.

Għandu jkun hemm żidiet fil-pagi inkluż fil-paga minima u żidiet effettivi bħala kumpens għall-inflazzjoni. Jinħass ukoll il-bżonn għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment ta’ dawk f’sitwazzjoni prekarja bħall-part-timers u ħaddiema fuq kuntratt definit. Iżda l-bżonn ta’ titjib fil-pagi qed jinħass ukoll fost eluf ta’ ħaddiema full-time li qed iduqu tnaqqir fil-valur tal-pagi tagħhom.

Fejn jidħol l-ikel, biex nevitaw il-faqar, ċerti affarijiet bażiċi għandhom jiġu sussidjati. Dan għandu jsir b’mod studjat biex is-sussidji ma jirriżultawx f’abbuż u ineffiċenzi li permezz tagħhom jogħlew il-prezzijiet. Alternattiva għal dan tkun li minflok sussidji jkun hemm għajnuniet diretti mill-Gvern lil dawk li ma jifilħux iħallsu ċerti prodotti jew servizzi.

Jinħtieġu wkoll programmi innovattivi li jgħinu lill-bdiewa u produtturi lokali biex iżidu l-produzzjoni b’mod sostenibbli. Dawn jistgħu jiġu inċentivati u imħajra ukoll ibigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur biex tiġi evitata żieda artifiċjali fil-prezz ta’ l-ikel.
Dan qed isir fuq skala żgħira f’xi lokalitajiet iżda tajjeb li jiżdied għall-benefiċċju kemm tal-konsumatur kif ukoll tal-produttur. Dan hu qasam li verament jeħtieġ politika innovattiva.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawl, ilma u l-famuża soprataxxa, Alternattiva Demokratika ilha tisħaq fuq il-bżonn ta’ investiment f’sorsi alternattivi ta’ enerġija. Fl-istess ħin sussidji fuq il-prezz ta’ enerġija minn sorsi konvenzjonali jibqgħu bżonjużi għax inkella jista’ jkun hemm faxex soċjali li jkollhom inaqqsu minn konsum bażiku ta’ ilma u dawl. F’dan ir-rigward nemmnu li minflok rata fissa ta’ soprataxxa l-Gvern għandu jippenalizza dawk li jaħlu l-aktar u jippremja min jiffranka l-użu tad-dawl u l-ilma.

Illum il-ġurnata dan jista’ jiġi kalkulat iktar faċilment permezz ta’ mezzi moderni li jikkalkolaw il-konsum ta’ l-enerġija b’mod kompjuterizzat.

Hawnhekk nistħajjel lill-qarrejja jsaqsu min fejn se jġib il-flus il-Gvern biex jagħmel tajjeb għall-infieq żejjed biex jikkumpensa għall-għoli tal-ħajja. Fl-opinjoni ta’ l-AD, il-Gvern għandu jfittex sorsi ta’ dħul ibbażati fuq il-ġustizzja soċjali iżda li ma jistaġnawx l-ekonomija. Fost il-proposti tagħna hemm żieda ta’ taxxa fuq profitt kbir minħabba pożizzjoni dominanti fis-suq (windfall tax), fuq kumpaniji bħall-banek u kumpaniji tal-logħob ta’ l-azzard. Nemmnu ukoll f’ politika fiskali progressiva li permezz tagħha il-ħlas ta’ taxxa jirrifletti d-dħul tan-nies. Fl-istess ħin AD tappoġġa programmi li jinċentivaw l-investiment u l-produttività u li jnaqqsu l-burokrazija żejda, sakemm dawn ikunu soċjalment ġusti u ma jżidux l-inugwaljanza soċjali.

Alternattiva Demokratika temmen f’mudell ekonomiku li jibbilanċja l-fatturi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi. Malta tista’ tkun kompetittiva u toffri prodotti ta’ kwalita għolja filwaqt li tiżgura ġustizzja soċjali u sostenibbiltà ekoloġika. Fil-ġimgħat li ġejjin bi ħsiebna niltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-Gvern u tas-soċjetà ċivili biex niddiskutu magħhom dan il-mudell.

No comments: