Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Monday, March 24, 2008

X'Mar hazin ghall-AD?

http://www.illum.com.mt/2008/03/23/ilpunt.html
Il Punt - Michael Briguglio 23 ta’ Marzu 2008 Nr 73

Alternattiva Demokratika ma ġabitx riżultati tajbin fl-elezzjoni ġenerali. L-istess jista’ jingħad għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali, fejn l-ebda kandidat tagħha ma’ ġie elett.

Fl-isfond ta’ dawn ir-riżultati hemm min qed jgħid li AD m’għadx għandha skop. Iżda jien ma naqbilx. Nemmen li l-Alternattiva għandha tħares ’il quddiem u tabbanduna politika ibbażata fuq xewqat li m’humiex realistiċi. Fuq kollox, AD għandha tagħti messaġġ pożittiv.

Hemm raġunijiet strutturali u esterni li ma jwasslux għal-level playing field fil-kamp politiku. Dawn jindkludu influenzi ekonomiċi, politiċi u ideoloġiċi tal-klassijiet u gruppi dominanti. Jinkludu wkoll il-Liġi Elettorali, li fil-każ speċifiku ta’ l-elezzjoni ġenerali taħdem kontra l-partiti ż-żgħar. Iżda hemm ukoll raġunijiet oħrajn, raġunijiet interni, li wasslu għar-riżultati li ġabet l-AD.

Ibda biex, il-kampanja ta’ l-AD kienet ibbażata fuq il-premessa ta’ ‘koalizzjoni’, premessa li kienet maqtugħa mir-realtà politika. L-AD assumiet li la jeżistu bosta koalizzjonijiet fl-Ewropa, mela f’Malta għandu jiġri l-istess. Bl-argument ta’ l-AD, il-Kenja (fejn hemm koalizzjoni) hija iktar Ewropea mill-Ingilterra (fejn m’hemmx koalizzjoni). Kien hemm diskors ukoll li ġaladarba l-AD ġabet 23,000 vot fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ l-2004, mela l-AD tista’ ġġib erba’ siġġijiet fl-elezzjonijet ġenerali. Diskors bħal dan huwa ’l bogħod ħafna mir-realtà.

Il-verità hi li l-votanti jiżnu l-affarijiet qabel ma jivvutaw. Mhux qed ngħid li l-votati m’humiex influenzati mill-media, il-partiti, il-familja u istituzzjonijiet oħra. Iżda ma tridx wisq biex tifhem li l-maġġoranza ta’ l-elettorat jivvutaw għall-istabbilità. Jekk wieħed jikkonsulta studji soċjoloġiċi li saru f’dawn l-aħħar snin, malajr jinduna liema huma l-iktar valuri importanti għall-Maltin.

F’dawn l-elezzjonijiet l-AD naqset milli timla l-vojt li jeżisti fuq ix-Xellug ta’ l-ispettru politiku, u minflok resqet lejn politika ekonomika wisq liberali, fejn, f’bosta każijiet, kwistjonijiet ta’ natura soċjali għebu mill-politika ta’ l-AD. Il-fissazzjoni dwar riforma mgħaġġla fil-liġi tal-kera wasslet għal diżappunt fost numru ta’ attivisti Xellugin ta’ l-AD, għax din tista’ twassal għal faqar ġdid fis-soċjetà Maltija.

Minkejja li kien hemm min seta’ ħaseb li l-kampanja dwar il-liġi tal-kera setgħet iġġib xi voti lill-AD, bl-istess argument l-AD gerrxet bosta votanti prospettivi wkoll minħabba l-proposti tagħha. Qed nirreferi għal nies tad-demm u l-laħam li beżgħu li jistgħu jispiċċaw evakwati minn fejn jgħixu. Mhux ta’ b’xejn li stħarriġ tal-Malta Today wera konsistentament li l-AD ma kellhiex appoġġ mill-klassi tal-ħaddiema. Il-fatt li AD ma ġabritx biżżejjed firem għar-referendum propost dwar il-liġi tal-kera kien sinjal ċar iżda milli jidher dan ġie injorat.

Min-naħa l-oħra, l-AD kellha l-kuraġġ li titkellem fuq kwistjonijet bħad-divorzju u l-immigrazzjoni irregolari u li hi l-uniku partit li jitkellem kontra l-qerda rampanti ta’ l-ambjent. Iżda jibqa’ l-fatt li l-ikbar problema ta’ l-AD kienet li naqset milli tippreżenta progett politiku ċar. Użat lingwa wisq bombastika, lingwa li kienet ’il boghod mill-aspirazzjonijiet ta’ bosta gruppi, kategoriji u klassijiet soċjali.

Għalhekk, x’għandu jsir fl-AD?

Nemmen li l-Alternattiva għandha tabbanduna l-atitudni li hi biss tista’ ‘issalva’ lill-Malta. L-AD għandha tħares lejn l-istrateġija politika bħala triq twila li hi konnessa b’mod profond mar-realtajiet politiċi, kulturali, ideoloġiċi u ekonomiċi tas-soċjeta’. Għandha tibni tassew politika ta’ alleanzi mas-socjetà ċivili.

Nemmen li bħala l-ewwel pass l-AD għandha timmira li tikkonsolida r-riżultati li ġabet f’xi kunsilli lokali u fl-elezzjonijiet Ewropej. Dan minnu nnifsu huwa diffiċli ħafna. Bħala kunsillier ta’ l-AD (u l-uniku wieħed li ġejt elett darbtejn konsekuttivi), ikkonfermajt li dan jirrikjedi sinteżi bejn l-ideoloġija politika u l-valuri tan-nies.

L-AD għandha tiffoka fuq l-aspirazzjonijiet u l-bżonnijjiet soċjali ta’ kuljum ta’ eluf ta’ Maltin, f’oqsma bħall-familja, l-għoli tal-ħajja, ix-xogħol u s-sigurtà. Politika ekoloġika ma tistax tħares lejn l-ambjent b’mod maqtugħ mill-elementi soċjali u ekonomiċi.

Nawgura futur sabiħ għall-AD u nittama li l-analiżi li qed twettaq tkun realistika, inklussiva, demokratika u li twassal għall-bidliet produttivi. Fuq kollox nisħaq li aspettattivi nieqsa mir-realtà jistgħu jwasslu għall-diżilużżjoni kbira.

Michael Briguglio hu kunsillier ta’ l-AD f’Tas-Sliema

No comments: