Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Monday, November 26, 2007

Il-housing u l-gustizzja socjali

Illum 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

http://www.illum.com.mt/2007/11/25/l8.html

Minn Michael Briguglio
Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi
Żminijietna - Leħen ix-Xellug,Valletta

L-ittra ta’ Saviour Cachia dwar il-housing u l-ġustizzja soċjali (Illum 18 ta’ Novembru), b’risposta għall-ittra tiegħi dwar l-istess suġġett ġimgħa qabel tqajjem diversi mistoqsijiet dwar din il-kwistjoni, b’mod ferm iktar bilanċjat minn dak ippreżentat minn dawk li jridu liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-kera akkost ta’ kollox.

Il-proposta ta’ Cachia li jkun hemm bord rappreżentattiv li jara li jkun hemm kera iktar ġusta hi proposta li ta’ min jikkunsidraha. Iżda din m’għandhiex taħdem bil-ħsieb li twassal għall-evakwazzjoni ta’ dawk li qed jgħixu fi proprjetajiet li nkrew qabel l-1995, għax b’hekk ikollna inġustizzja soċjali kbira. Infakkar li l-liġijiet tal-kera ta’ l-1939 għenu biex eluf ta’ Maltin sabu saqaf u kenn.

L-argument ta’ Cachia dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li hi bbażata fuq il-prezz tal-proprjetà u mhux fuq il-prezz tal-kera, hu argument validu wkoll, għax l-eredi jkollhom iħallsu taxxa li hi sproporzjonata mad-dħul mill-kirjiet ta’ proprjetajiet li nkrew qabel l-1995.

Infakkar li f’dak li għandu x’jaqsam mal-housing, Żminijietna - Leħen ix-Xellug qed tipproponi li:
1. Ikun hemm iktar fondi pubbliċi għall-housing soċjali li hu affordabbli.
2. Il-Gvern għandu jissussidja l-interessi tal-banek għal skop soċjali.
3. Ma jkunx hemm iktar liberalizazzjoni fil-liġi tal-kera qabel ma jkun hemm proċess li jwassal għal pjan sħiħ u nazzjonali dwar il-housing. Dan il-pjan għandu jiżgura li l-gruppi soċjali l-iktar vulnerabbli ma jispiċċawx evakwati minn fejn joqogħdu.
4. Il-Gvern jista’ jissalvagwardja d-drittijiet ta’ min jgħix fi proprjetà li nkriet qabel il-liberalizazzjoni ta’ l-1995 billi jagħti kumpens annwali lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.
5. Bini li qed jitħalla vojt għal skopijiet ta’ spekulazzjoni jiġi ntaxxat, mit-tielet bini vojt ’il quddiem.

Nagħlaq billi ngħid li hemm qbil ma’ Cachia dwar pjan nazzjonali u sħiħ dwar il-housing. Sfortunatament hemm min qed jibqa’ sieket dwar din il-ħtieġa, u hemm min qed jimbotta għal bidliet mgħaġġlin li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jwasslu għall-evakwazzjoni tan-nies. Żminijietna - Leħen ix-Xellug temmen li l-ġustizzja soċjali għandha titpoġġa qabel is-suq ħieles.

No comments: