Sociologist, local councillor, activist from Malta

Wednesday, October 17, 2007

Il-Liberalizazzjoni ta' l-energija

Michael Briguglio
Ufficjal Relazzjonijiet Pubblici – Zminijietna – Lehen ix-Xellug

It-Torca 14 ta’ Ottubru 2007


Hi haga tassew stramba li hafna mill-opinjonisti f'Malta donnhom ihobbu jaqbdu ma xi suggetti u johorgu kull forma ta' kritika, izda imbaghad jibqghu siekta fuq ohrajn. Ezempju meta l-Partit Laburista habbar li ser inaqqas is-surcharge, bosta kienu dawk li hargu jitkazaw ghax qalu li l-prezz ta’ l-energija ghandu jirrifletti dak taz-zejt. Izda meta dan l-ahhar il-Gvern Nazzjonalista intrabat li ma jzidx is-surcharge minkejja li l-prezz taz-zejt ghola sew, l-istess opinjonisti ma hargux jitkazaw. Naqqsu wkoll milli jipprietkaw il-‘vangelu’ taghhom tas-suq hieles. Is-silenzju ta’ l-istess opinjonisti kien jaqta’ bhal sikkina wkoll meta l-Gvern Nazzjonalista habbar il-kontroll tal-prezzijiet ta’ certu prodotti. Kumbinazzjoni, il-Gvern Nazzjonalista rabat dawn il-kontrolli ma zminijiet elettorali.

Qasam relatat mas-surcharge u l-energija fejn hemm silenzju kbir hu dak dwar il-proposti godda tal-Kummissjoni Ewropeja dwar il-liberalizazzjoni fis-settur ta' l-energija.

Il-Kummissjoni Ewropeja hi favur liberalizazzjoni shiha tas-servizzi ta' l-energija u qed tipproponi s-separazzjoni bejn il-produzzjoni u d-distribuzzzjoni ta' l-energija. Effettivament dan ser iwassal ghall-izmantellar ta' kumpaniji li ilhom jaghtu servizz pubbliku ghal hafna snin.

Irrispettivament mill-ghanijiet ta' l-UE biex ikun hemm iktar energija alternattiva, dawn il-proposti mhux ser jiggarantixxu iktar investiment f'din it-tip ta' energija. Lanqas m'hemm l-ebda garanzija mill-Kummissjoni li l-prezzijiet ta' l-energija ser jinzlu.

L-energija ghandha importanza strategika u ghandha tkun accessibli ghal kulhadd. Il-produzzjoni, trasportazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-energija ma tistax tigi mitluqa ghas-suq, u ghandha tkun fdata f'idejn operaturi pubblici li ghandhom il-mezzi necessarji u li huma accountable ghall-gvernijiet li gew eletti demokratikament, ghall-haddiema u ghall-konsumaturi, u li ghandhom joholqu bilanc bejn prezzijiet affordabbli u sostenibilita' ambjentali.

Zminijietna - Lehen ix-Xellug temmen li l-energija hi servizz publiku essenzjali, u ghalhekk nappoggjaw il-pozizzjoni tal-blokk Xellugi fil-parlament Ewropew u tal-European Trade Union Confederation.

Filwaqt li d-Danimarka, l-Olanda, l-Isvezja u r-Renju Unit huma favur il-proposti tal-Kummissjoni Ewropeja, minn naha l-ohra il-Germanja, Franza, l-Awstrija, il-Bulgarija, ic-Cipru, l-Grecja, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Islovakja huma kontra l-proposti, minhabba li skond dawn il-pajjizi dawn ser iwasslu ghall-izmantellar ta' monopolji fl-energija nazzjonali u reggjonali, u li minhabba f'hekk jista' jkun hemm implikazzjonijet fuq is-sigurta' ta' l-energija, u prezzijiet aktar gholjin ghall-konsumaturi.

Il-Gvern Malti ghandu jinghaqqad mal-pajjizi li qed jopponu l-proposti tal-Kummissjoni Ewropeja.

Il-Gvern Malti ghandu jaghmel iktar biex jizdied l-uzu ta' l-energija alternattiva, biex b'hekk Malta tnaqqas id-dipendenza fuq sorsi barranin ta' l-energija. Fl-istess hin naqblu mal-possibilita' li jkun hemm konnessjoni ma' Sqallija ghall-uzu tal-gass biex b'hekk Malta tlahhaq mad-domanda reali ghall-energija.

Il-Gvern ghandu d-dmir li jizgura energija affordabbli ghal kulhadd filwaqt li jinkoragixxi uzu sostenibbli tieghu. Fid-dawl ta' dan kollu, Zminijietna taqbel mal-pozizzjoni tal-Partit Laburista biex inaqqas is-surcharge bin-nofs, kif ukoll l-impenn favur iktar energija alternattiva.

No comments: